Pellegrini tat-Tama Ferħanin
VERŻJONI BL-INGLIŻ

L-Ewwel Parti: Fit-Triq lejn Għemmaws: Luqa 24:13–27
Preżenza: Fil-bidu ta’ din il-mixja, nikkalma u niftaħ qalbi għall-preżenza ta’ Kristu miexi miegħi. Bħad-dixxipli, jien ukoll forsi qiegħed inġorr mistoqsijiet, diżappunti jew dubji. Inħalli din il-mixja tkun opportunità għar-riflessjoni onesta u ftuħ spiritwali.
Fejn ninsab spiritwalment bħalissa? Miexi lejn Alla jew il-bogħod minn Ġerusalemm – il-post tal-laqgħa spiritwali?
Bħad-dixxipli, liema diżappunti, disillużjonijiet jew dubji qiegħed inġorr?
Nitlob dak li nixtieq: Nazzarda nitlob lill-Mulej il-grazzja li nixtieq nirċievi mingħandu b’tama li Hu se jagħtini jekk nitolbu.
Test: Lq 24:13-26
13 Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, 14 jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. 15 Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. 16 Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. 17 U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. 18 Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” 19 “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, 20 kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. 21 Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! 22 Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar 23 u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. 24 Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” 25 Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! 26 U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” 27 U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
- Iż-żewġ dixxipli mexjin lejn Għemmaws huma mtaqqlin bil-luttu, dubji u l-konfużjoni. Igħidu dwar Ġesù li “ kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem,” u jistqarru li “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael” (v.21). Għalihom, il-kruċifissjoni hi sinjal ta’ falliment, u mhux twettiq. Il-Messija miet u miegħu mietet ukoll it-tama tagħhom. Nipprova nħoss dak li ħassew huma filwaqt li nesprimi d-dubji, il-konfużjoni tiegħi, eċċ.
- Ġesù jersaq qrib – mingħajr ma jagħrfuh – u jimxi magħhom. Meta jistqarru l-konfużjoni tagħhom, Hu jibqa’ miexi magħhom minkejja li sejrin fid-direzzjoni l-ħażina! Hu jbeżbiżhom waħda, “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” Ninnota r-reazzjoni tagħhom għat-tbeżbiża ta’ Ġesù… X’inhi r-reazzjoni tiegħi?
- “U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.” Inħalli lil Ġesù jispjegali… X’għandi bżonn nifhem b’mod differenti? Kif nista’ nħalli l-Iskrittura ddawalni?
- Meta ma ndunajtx li Ġesù kien miexi miegħi? Nista’ nipprova niftakar f’mument meta kien preżenti anke jekk jien ma ndunajtx dak il-ħin?
- X’toqol jew tamiet qiegħed inġorr matul din il-mixja?
- X’għandi bżonn nitlaq minn idejja? Hemm xi ħaġa li hemm bżonn inħalli f’idejn Alla?
- Niskot u nisma’. Inħalli l-Iskrittura tkellimni. Inħalli ’l qalbi titkebbes mill-ġdid. Inħalli ’l Ġesù jimxi miegħi, kif mexa mad-dixxipli. Mhuwiex il-bogħod. Jersaq qrib dawk li jfittxuh.
Konverżazzjoni: Nitkellem ma’ Ġesù bħalma ħabib jitkellem ma’ ħabib jew qaddej ma’ sidu.
Testi Oħra:
Xi spjega Ġesù? Dak li qalu l-profeti
San Luqa ma qalilniex Ġesù x’qal lid-dixxipli waqt il-mixja imma nistgħu nippruvaw naqtgħu liema profeziji semmielhom – testi li tkellmu dwar it-tbatija, il-mewt u l-glorja tal-Messija.
1. Il-Qaddej li jsofri
“Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.” (Isaija 53:5)
2. Il-Ġebla mwarrba
“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.” (Salm 118:22)
3. Il-Minfud
“U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni…” (Żak 12:10)
4. Ir-Re Rxuxtat
“Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.” (Salm 16:10)
5. Il-Patt il-Ġdid
“jien nagħmel patt ġdid… Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.” (Ġer 31:31-34)
It-Tieni Parti: Lura lejn Ġerusalemm: Luqa 24:28–35
Test: Lq 24:28-35
28 Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ‘il bogħod. 29 Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. 30 U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. 31 Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. 32 U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” 33 Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, 34 u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” 35 U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Nitlob permezz tal-immaġinazzjoni filwaqt li nilqa’ ’l Ġesù d-dar: “Ibqa’ magħna”.
Dawn il-passi jistgħu jgħinu:
- Niffamiljarizza ruħi mas-silta…
- Preżenza: Nimmaġina il-post; nimmaġina x-xena.
- Inpoġġi lili nnifsi fix-xena fejn inħossni “mistieden” li noqgħod.
- Nitlob il-grazzja li nilqa’ ’l Ġesù b’mod sħiħ f’ħajti.
- Nuża s-sensi kollha:
- Inħares lejn il-persuni: Kif inhuma?; Ninnota l-espressjonijiet ta’ wiċċhom; X’emozzjonijiet qegħdin iħossu?; X’inhu għaddej minn qalbhom?
- Nisma’ dak li jgħidu: Insegwi l-konverżazzjonijiet bejniethom; nimmaġina dak li jkunu qegħdin jaħsbu bejnhom u bejn ruħhom.
- Nosserva dak li jagħmlu: X’inhuma jagħmlu?; Nersaq viċin lejhom u ninteraġixxi magħhom jekk nixtieq.
- Nitkellem ma’ Ġesù bħalma ħabib jitkellem ma’ ħabib u nisma’ dak li jgħidli.

Leave a Reply