CIS Walks

In the Footsteps of a Pilgrim – Reflective walks along the Camino Mariae Melitensis


2026-06 Fuq il-Passi tal-Pellegrin 10

Il-Miġja tal-Ispirtu s-Santu

ENGLISH VERSION

Preżenza:
M’inhix waħdi hawn. Kristu Rxoxt qiegħed maġenbi u fija. Insir konxju tat-tgħannieqa ta’ mħabba tiegħu.

Nitlob il-grazzja li nixtieq: Mulej, agħtini l-grazzja li nkun mimli bl-Ispirtu tiegħek; spirtu tal-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.1 (jew xi grazzja oħra).

Naqra darbtejn: Atti 1:1-5. 12-14. 2:1–6

11 Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda 2 sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel. 3 Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. 4 Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha”, qalilhom, “smajtu x’kont għedtilkom. 5 Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.” …12 Mbagħad reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejjħa taż-Żebbuġ, li hi ’l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt. 13 X’ħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Huma kienu: Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun jgħidulu l-Imħeġġeġ, u Ġuda bin Ġakbu. 14 U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu. … 2 1 Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. 2 F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. 3 U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. 4 Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. 5 F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. 6 Malli nstama’ dan il-ħoss, nġabret kotra kbira, lkoll imħawwdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu.

Punti għar-Riflessjoni:

  • San Luqa jitkellem dwar dak li għamel u għallem Ġesù f’ħajtu. Liema minn dawn l-opri u tagħlim tiegħu ngħożż?
  • L-awtur jitkellem dwar il-“ħafna provi li hu ħaj” li Ġesù ta lid-dixxipli wara l-qawmien mill-imwiet. Liema provi tal-ħidma t’Alla esperjenzajt f’ħajti?
  • Marija u d-dixxipli inġabru fit-talb filwaqt li kienu jistennew id-don tal-Ispirtu s-Santu. Niftaħ qalbi u nistenna filwaqt li nitlob b’xewqa kbira biex jiġi l-istess Spirtu fuqi mill-ġdid.
  • Id-dixxipli kienu flimkien, magħqudin ħaġa waħda fl-istennija. Ma’ min jien imsejjaħ inkun magħqud fl-istennija tiegħi?
  • Id-dixxipli esperjenzaw l-Ispirtu bħala riħ qawwi li jċaqlaq, nar li jsaħħan u jagħti d-dawl u lingwaġġ ġdid li jifhmu kulħadd. Għamilt xi esperjenza simili? Nixtieq nitlob din il-grazzja?

Konverżazzjoni: Inqatta’ ftit ħin f’konverżazzjoni mal-Mulej jew ma’ Marija li huma preżenti hawn miegħi. Nitkellem magħhom fuq dak li ċċaqlaq fija u nisma’ dak li forsi jixtiequ jgħiduli.

1c.f. Gal 5:22-23



One response to “2026-06 Fuq il-Passi tal-Pellegrin 10”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *