Id-doni li nġib miegħi fil-vjaġġ
Grazzja: Nitlob l-Ispirtu li nsir naf intimament il-ġid kollu li rċivejt.
Passaġġ: 1 Kor 12:4-11
4 Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; 5 hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; 6 hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. 7 Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni ta’ l-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; 8 lil ieħor il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; 9 lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; 10 lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don ta’ l-għażla ta’ l-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir ta’ l-ilsna. 11 Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.
- Nerġa’ naqra l-passaġġ bil-mod u nieqaf fuq dak li jolqotni minnu.
- Inħares lura u niftakar id-doni u l-barkiet li rċivejt f’ħajti. Nieqaf biex inħoss u niggusta kull wieħed minnhom f’qalbi.
- Nikkunsidra kif dawn ir-rigali li rċivejt ġew minn Fuq; “bħalma jiġu r-raġġi mix-xemx u l-ilma mill-għajn”. Nara kif il-barkiet tiegħi ġew mit-tjubija infinita ta’ Alla.
- Nitkellem ma’ Min tani dawn ir-rigali; mal-għajn ta’ dawn il-barkiet, b’mod ħieles u spontanju.
- Nispiċċa b’din it-talba:
- Missier Alla, grazzi tal-ħafna rigali li Int tajtna. Għinna nagħrfu u nħaddnu l-kapaċitajiet uniċi tagħna, mhux għall-glorja tagħna, imma biex naqdu lilek u lill-proxxmu. Agħtina li nużawhom bil-ferħ, filwaqt li naħdmu flimkien bħala ġisem wieħed fi Kristu. Mexxina fil-vjaġġ tagħna biex inwettqu r-rieda tiegħek matul ħajjitna. Amen.
(Għandek bżonn ispirazzjoni? Mela ara dawn il-mistoqsijiet.)
- Inniżżel xi noti fil-qosor; dak li laqgħatni matul dan il-ħin ta’ talb.
Passaġġi oħra għat-talb personali tiegħek id-dar:
Rumani 12:3-8 “hekk aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru tal-ieħor.”
Mattew 5:16 “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”
Ġożwè 24:1-13 It-tiġdid tal-Patt f’Sikem.
Għandek bżonn ispirazzjoni? Mistoqsijiet għar-riflessjoni.
- Liema doni u talenti partikulari nħoss li għandi?
- Dawn id-doni, kif kienu barka f’ħajti?
- Meta nirrifletti fuq l-eżempji ta’ San Franġisk u Dorothy Day, liema aspetti tal-fidi u s-servizz tagħhom imissuni l-iktar?
- Kif nista’ nintegra dawn il-kwalitajiet fil-ħajja tiegħi?
- Meta ħassejt gratitudni għad-doni tiegħi?
- Nista’ niftakar xi mument speċifiku meta ħassejt l-impatt tal-kapaċitajiet tiegħi fuq oħrajn?
- B’liema modi użajt id-doni tiegħi biex naqdi ’l-oħrajn u l-komunità
- Kif ħassejtni u x’kienet ir-risposta ta’ dawk li qdejt?
- Għandi biżgħat u dubji li jżommuni lura milli nagħraf u nuża d-doni tiegħi?
- Kif nista’ negħleb dawn l-ostakli?


Leave a Reply