Marija, li tieqaf u tgħożż kollox f’qalbha
ENGLISH VERSION
Grazzja: Nitlob il-grazzja li nisma’ bħal Marija: li nirrifletti, li nafda, u li naħseb fuq ħajti fit-talb f’qalbi.
Aqra: Luqa 2 8:20 Ir-rgħajja u l-anġli
8F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. 9U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. 10Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. 11Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. 12U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” 13F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:
14“Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”
15Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej.” 16Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ’l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. 17Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, 18u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. 19Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. 20Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.
21Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.
Irrifletti:
- X’baqa’ miegħek minn dan il-qari? Liema kelma jew frażi messitlek qalbek?
- Kif taħseb li Marija għexet dawn l-esperjenzi?
Marija spiss tidher bħala mara attiva, ġeneruża u kuraġġuża, u hekk hi tassew. Iżda Luqa jagħtina wkoll xbieha oħra tagħha: “Marija żammet dawn il-ħwejjeġ kollha f’qalbha u baqgħet taħseb fuqhom.” (Luqa 2:19)
Marija ma għaġġlitx biex ixxerred l-aħbar permezz ta’ azzjoni immedjata. Hija xtarret l-esperjenza ġewwa fiha. Dan il-proċess intern, din ir-riflessjoni fit-talb u fis-skiet, għenitha sabiex it-tifsira tal-ġrajjiet tinżel u tieħu l-għeruq fl-ispirtu tagħha. Hija mxiet mill-osservazzjoni għall-internalizzazzjoni.
Ħares lura lejn l-aħħar sena u internalizza dak li ġara tul il-mixja tiegħek.
A. Ħarsa lura – Apprezza l-passat
Marija apprezzat il-ġrajjiet li ġraw.
- Liema mumenti mis-sena se jibqgħu miegħi? Mumenti ta ferħ… diżappunt…
Tiġġudikax. Innota biss dak li qed jitlob li jinżamm “f’qalbek”.
B. Ħarsa lejn il-preżent – Fejn jien bħalissa
Marija qgħadet fit-Tempju, preżenti mingħajr ma tieħu kontroll.
- Fejn qiegħed/qiegħda f’ħajti bħalissa? X’jagħtini l-ħajja? X’jixxuttani?
C. Ħarsa ’l quddiem – Nirreżisti l-għaġla
Marija semgħet dwar il-futur iżda ma aġixxietx minnufih.
- Hemm xi qasam fejn irrid nagħti lili nnifsi l-permess li ma naġixxix għalissa?
- Fejn jista’ jkun li Alla qed jistiedinni nisma’, aktar milli nsewwi jew insolvi?
Konverżazzjoni: Tkellem mal-Mulej b’mod spontanju, kif ħabib jitkellem ma’ ħabib.
Konklużjoni: Hemm xi ħaġa li se tieħu miegħek minn dan il-ħin ta’ talb?
Xhieda
Dorothy Day – Azzjoni Msaħħa mir-Riflessjoni
Dorothy Day ħadmet bla heda għall-ġustizzja, iżda qatt ma firdet l-azzjoni mit-talb. Hija emmnet li mingħajr is-skiet u s-smigħ tal-vuċi ta’ Alla, anke azzjonijiet tajba jistgħu jitilfu d-direzzjoni tagħhom. Għaliha, li tieqaf ma kienx telf ta’ żmien, kien il-mod kif titgħallem taġixxi bl-imħabba aktar milli bir-rabja.
Messaġġ ewlieni:
Il-waqfa mhijiex l-għadu tal-ġustizzja – hija l-pedament tagħha.
“Il-saħħa tiegħi nerġa’ niksibha waqt li nieħu kikkra kafè u naqra s-salmi.”
– Dorothy Day


Leave a Reply