CIS Walks

In the Footsteps of a Pilgrim – Reflective walks along the Camino Mariae Melitensis


2026-01 Fuq il-passi tal-pellegrin 5

GPS trace of fifth walk

Il-Preżentazzjoni tal-Mulej

ENGLISH VERSION

Preżenza:

  • Nersaq bl-immaġinazzjoni lejn id-dar sempliċi tat-Trinità Qaddisa. Nieqaf quddiem il-bieb u nħabbat…
  • Nara ’l Ġesù jiġi jiftaħ u jilqgħani bil-ħerqa…
  • Inpoġġi madwar il-mejda mat-Tliet persuni tat-Trinità.

Nitlob dak li nixtieq: Nitlob il-grazzja li l-fiduċja tiegħi f’Alla tagħmel li t-tama tiegħi tkun iktar qawwija minn dak kollu li jbeżżgħani u li jaqtgħali qalbi.

Eżerċizzju tal-bidu:

Nagħlaq għajnejja jew inħares l-isfel u nħaddem il-memorja tiegħi:

  • Niftakar f’dak kollu li ġara fil-passat, kemm personali u kemm storiku, li jagħtini kuraġġ u tama…
  • Inġib quddiem għajnejja dak kollu li bħalissa jbeżżgħani jew jaqtgħali qalbi…

Naqra bil-mod darbtejn: Lq 2:22-40 Il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju

22 Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, 23 kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ 24 u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

25 F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. 26 L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. 27 Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, 28 huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

29 “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skond kelmtek,
30 għaliex għajnejja raw
is-salvazzjoni tiegħek
31 li int ħejjejt għall-popli kollha,
32 dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

33 Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. 34 Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, 35 – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

36 Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa, 37 u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. 38 Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

39 Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. 40 U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

Punti għall-meditazzjoni:

  • Nikkunsidra l-attitudni ta’ Xmun u ta’ Anna quddiem is-sitwazzjoni mwegħra tal-poplu, maħkum mir-Rumani u mgħasur bit-taxxi. Huma jgħixu ta’ ġusti u jistennew bit-tama f’Alla… Huma jistennew il-faraġ ta’ Iżrael, il-fidwa ta’ Ġerusalem u dawl għal ġnus l-oħra. Jien, x’jiena nistenna?
  • Nikkunsidra kif Ġużeppi u Marija jagħmlu dak li titlob il-liġi minnhom b’umiltà u ubbidjenza. Il-kelma ubbidjenza fil-Latin ġejja milli tisma’… f’dan il-każ minn Alla. X’jiġri jekk nieqaf biex nisma’ fil-fond u nobdi? X’inhu li jgħidli Alla lili?
  • Ġesù se jkun dawl għal ġnus. Id-dawl sabiħ… imma jikxef it-tikmix…
  • Ġesù hu sinjal ta’ kontradizzjoni. Il-ħajja spiritwali hi battalja. Hu stess jgħinna nikkunbattuha.

Konverżazzjoni: Nitkellem b’mod spontanju ma’ xi personaġġ fl-istorja filwaqt li nħalli mumenti ta’ silenzju biex ngħożż f’qalbi dak li ġara fija.

Xhud:Il-Kardinal Nguyen Van Thuan



One response to “2026-01 Fuq il-passi tal-pellegrin 5”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *