Pamplona – Injazju jintlaqat minn Balla ta’ Kanun
Nikkalma: Insib post għall-kwiet, bil-kalma nsir konxju tal-ħolqen madwari u jien f’nofsu. Waqt li nieħu nifs ‘il ġewwa u ‘il barra nsir konxju tar-rigal tal-ħajja fija u madwari.
Mill-Awtobijografija: Pamplona
Sa kemm għalaq sitta u għoxrin sena, kien bniedem mogħti għall-frugħat tad-dinja. L-aktar li kien iħobb kienet l-eżerċitazzjoni ta’ l-armi, b’xewqa kbira u fiergħa li jikseb l-unuri.
Għalhekk, darba waħda kien f’fortizza attakkata mill-Franċiżi u kulħadd kien tal-parir li jċedu bil-kundizzjoni li jsalvaw ħajjithom; għax għarfu tajjeb li ma setgħux jiddefendu ruħhom. Huwa mar għand il-kmandant u ġablu ħafna raġunijiet, tant li pperswadieh li jibqa’ jiddefendi kontra l-parir tal-kavallieri kollha; dawn ukoll tqawwew bl-atteġġjament u d-dedikazzjoni li wera. Meta wasal il-jum li fih kien mistenni jibda l-bumbardament, qerr għand wieħed mis-suldati sħabu. Wara li l-bumbardament kien ilu li beda ftit mhux ħażin, balla laqtitu f’riġlu u farrkithulu kollu. Siequ l-oħra spiċċat milquta sew ukoll, għax il-balla kienet għaddiet minn bejn riġlejh.
Fl-ewwel sentenza tal-Awtobijografija ta’ Sant’ Injazju, niltaqgħu ma’ żgħażugħ ta’ 26 sena ambizzjuż u determinat. Żgħażugħ immexxi mill-glorja vana u mix-xewqa li jwettaq il-pjanijiet li fassal. Jimmaġina li ħadd ma jista’ għalih… invinċibbli… hekk ħaseb… sakemm balla ta’ kanun waqqfitu għal kollox.
- Naħseb fil-ħolm, l-enerġiji, il-passjonijiet u l-ambizzjonijiet tiegħi meta kont żgħażugħ u forsi dawk li għandi llum il-ġurnata.
- Il-Mulej kellu pjanijiet oħra għalih u sab użu ieħor għall-ambizzjoni, d-determinazzjoni u l-għatx għall-unur ta’ Inigo (ismu bil-lingwa baska). Bidilhom f’assi għas-Saltna…
- San Pawl kellu hu wkoll mument fejn “laqtitu balla ta’ kanun” fi triqtu lejn Damasku…
Qabel ma naqra r-rakkont, nitlob il-grazzja li nixtieq: Nitlob il-grazzja li npoġġi l-enerġija, il-passjonijiet u l-ħolm tiegħi kollu għas-servizz tas-Saltna ta’ Kristu fuq l-art.
Test Bibbliku: Atti 9:1-9
1Sawl, li kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej, mar għand il-qassis il-kbir 2u talbu jagħtih ittri għas-sinagogi ta’ Damasku, biex ikun jista’ jaqbad l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm. 3Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. 4Waqa’ fl-art, u sama’ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” 5Hu wieġeb: “Min int, Mulej?” u l-leħen wieġbu: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. 6Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel.” 7Dawk li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma, billi kienu semgħu l-leħen imma ma raw lil ħadd. 8Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma sata’ jara xejn. Imbagħad mexxewh minn idu u wassluh Damasku. 9Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob.
Punti għar-riflessjoni:
- Nirrifletti fuq xi mument meta “laqtitni balla ta’ kanun” – xi mument fejn il-pjanijiet tiegħi ġew imwaqqfa bla mistenni.
- B’liema mod dan il-mument għeni nikber jew liema opportunitajiet tlift?
- X’bidla inżergħet fija?
- Il-Mulej kellimni permezz ta’ din l-ixkiel fil-pjanijiet tiegħi? Kif?
- Nieqaf u nirrifletti fuq l-istat tiegħi bħalissa.
- Liema enerġiji u passjonijiet hemm fija li jistgħu jiġu mibdula f’assi għas-Saltna?
- Niftaħ qalbi u npoġġi dawn ir-riżorsi fija għad-dispożizzjoni tal-Mulej.
Konverżazzjoni: Naqsam il-ħsibijiet u l-sentimenti tiegħi ma’ Alla jew ma’ Ġesù u nsemmi dak li nixtieq nitlob, nesprimi ndiema jew nirringrazzja ‘l Alla. Nisma’ dak li forsi Alla jixtieq jgħidli.


Leave a Reply