CIS Walks

In the Footsteps of a Pilgrim – Reflective walks along the Camino Mariae Melitensis


2025-09 Fuq il-Passi tal-Pellegrin 1

It-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija

VERŻJONI BL-INGLIŻ

Preżenza: Nieħu ftit nifsijiet fil-fond u nsir konxju ta’ fejn ninsab spiritwalment…

  • Nieħu nifs il-ġewwa u nikkunsidra dak li nixtieq nirċievi mingħand Alla.
  • Nieħu nifs il-barra u nikkunsidra dak li nixtieq li Alla jeħlisni minnu.

Nitlob dak li nixtieq: Nitlob il-grazzja tal-ħelsien mill-biża’ u tama li tagħti l-ħajja.

Eżerċizzju tal-bidu:

  1. Nagħlaq għajnejja jew inħares l-isfel u naħseb fuq l-aspetti varji ta’ ħajti: il-ħolm tiegħi, l-inkwiet, il-familja, il-ħbieb, il-postijiet li nżur jew fejn naħdem, eċċ.
  2. Issa nħares lejn il-passat tagħna:
    • Il-ġenerazzjonijiet tal-ġenituri u n-nanniet bl-istil ta’ ħajja tagħhom (eż. mingħajr internet);
    • Ġenerazzjonijiet ta’ nies jgħixu fil-gwerra u oħrajn fil-paċi;
    • Ġenerazzjonijiet ta’ qabel ir-rivoluzzjoni industrijali mingħajr karozzi u dawl elettriku;
    • Ġenerazzjonijiet li soffrew il-ġuħ jew fi żmien ta’ pandemiji bħall-Pesta, eċċ.;
    • Nikkunsidra l-progress li sar, mhux biss fix-xjenza u t-teknoloġija, imma wkoll minn perspettiva ta’ ġustizzja: L-abolizzjoni tal-iskjavitù, ir-rikonoxximent tad-drittijiet tan-nisa, benefiċċji soċjali, eċċ.
  3. Issa, ndawwar ħarsti lejn il-futur:
    • Ġenerazzjonijiet li sabu tarf tal-bidla tal-klima;
    • Iktar gwerrer… u perjodi itwal ta’ paċi;
    • Pandemija oħra… u risposta iktar malajr u aħjar għaliha;
    • Inħalli l-immaġinazzjoni tiegħi timraħ u tgħinni nħares bit-tama…
  4. Nerġa’ lura lejn il-preżent u nħares lejn ħajti fejn jiltaqgħu il-passat u l-futur…
  5. Issa, immur lura fiż-żmien bl-immaġinazzjoni u nżur il-Marija waqt il-Tħabbira tal-Anġlu: nara d-dar fqira ta’ Marija f’Nazzaret, Galilija. Tfajla adolexxenti fqira mingħajr l-ebda awtorità rikonoxxuta, li tgħix f’reġjun fil-periferija ta’ pajjiżha waqt okkupazzjoni minn imperu qawwi (“Galilija tal-ġnus”)…

Naqra s-silta bil-mod darbtejn: Luqa 1:26-36 It-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija
26Imbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, 27għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. 28L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” 29Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. 30Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. 31Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. 32Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru 33u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” 34Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” 35Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. 36Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, 37għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” 38Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Punti għall-meditazzjoni:

  • Inħares lejn Marija u ninnota r-reazzjonijiet tagħha għall-kliem tal-anġlu.
  • Nimmaġina x’ħasbet u x’ħasset waqt u wara din iż-żjara.
  • Nikkunsidra kif Alla jħares lejn il-problemi u d-diffikultajiet tad-dinja u kif it-Trinità tara l-valur f’Marija u fil-kontribut tagħha għas-salvazzjoni.
  • Issa nerġa’ lura għall-preżent u għas-sitwazzjoni tiegħi bejn il-passat u l-futur…
  • Nikkunsidra kif Alla jħares lejja u lejn is-sitwazzjoni tad-dinja attwali…

Konverżazzjoni: Nitkellem b’mod spontanju ma’ Marija jew ma’ waħda mill-Persuni tat-Trinità dwar dak li laqgħatni filwaqt li nħalli mumenti ta’ silenzju biex ngħożż f’qalbi dak li ġara fija.

Qari ieħor għat-talb personali d-dar:

  • Mattew 1:18-24 Is-sejħa ta’ Ġużeppi
  • Isaija 52:7-10 “raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.”
  • Efesin 1:3-14 “Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesù Kristu”
  • Titu 3:4-8 “hu salvana… mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu.”

Xhud: San Alfons Rodriguez

Imwieled f’familja sinjura fi Spanja, tilef lil missieru f’età żgħira u spiċċa jmexxi n-negozju minflok ma jistudja. Iżżewweġ u kellu tlett itfal. Imbagħad in-negozju falla minħabba t-taxxi għoljin u l-familja kollha tiegħu mietet.

Ingħaqad mal-Ġiżwiti fl-età ta’ 37 sena, wara reżistenza konsiderevoli għad-dħul tiegħu minħabba l-età tiegħu u n-nuqqas ta’ studji. Ħadem għall-bqija ta’ ħajtu bħala purtinar fejn laqa’ lil kulħadd bħallikieku kien Kristu nnifsu u fis-servizz sempliċi tiegħu biddel il-qlub ta’ ħafna.

[Aqra iktar]



3 responses to “2025-09 Fuq il-Passi tal-Pellegrin 1”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *